Mhux biċ-ċajt. Jisimha magħha. Madankollu, din il-kanzunetta jispikka fiha l-umoriżmu, anki meta tħoss li ddewqek waqtiet traġikomiċi. Għax il-ħajja hekk hi: waqt li xi ħadd qed jidħaq u jista’ jieħu sitwazzjoni biċ-ċajt, jew saħansitra jgawdi minnha, fl-istess waqt ikun qed ibella’ kanna lil ħaddiehor li forsi anki kaġun tiegħu qed taqbiżlu jew iħossu qed isofri inġustizzja. Tipprova tieħu l-ħajja biċ-ċajt, inklużi l-kanen li jbellgħulek ħutek il-bnedmin jew iċ-ċirkustanzi, imma fl-aħħar mill-aħħar il-ħażin qatt ma tista’ ssejjaħlu tajjeb. Jibqa’ ħażin.

L-umoriżmu ta’ din il-kanzunetta jfakkrek f’waqtiet li ma tkunx taf hux se tidħaq jew tibki, jew meta tidħaq għax is-sitwazzjoni tkun tant grotteska jew assurda li kważi ma titwemminx… kultant ir-realta’ imħawra iktar mill-istejjer tal-fantażija, iktar illoġika milli wieħed jista’ jaħseb. Tista’ ġġemma’ n-nervi bħall-kupuni imma ma tista’ ssarrafhom fl-ebda premju. Tasal f’punt fejn ikollok tiżvoga u mbagħad tidħaq bik innifsek. Għax kultant naqgħu fl-assurd.

Kif hawn min jaqla’ fwiedu u jiċċahhad mill-familja biex ikollu paga kemm kemm jgħaddi, jekk jgħaddi, u ħaddieħor dejjem jiffanga bla mistħija? Kif hawn min ibati biex jistudja u jilħaq u ħaddiehor jikseb impieg b’paga fenomenali għax jaf lil dak u ‘l ieħor? Kif hemm min isir sinjur minn fuq il-fqir li qatt ma jista’ jirpilja? F’min tista’ tafda? Kif dejjem iċ-ċittadin komuni jrid jagħmilhom is-sagrifiċċji u s-sinjur dejjem iħaxxen butu? Kemm-il darba saqsejt kif se tgħaddi bil-pensjoni la tirtira wara li tkun ħdimt, jew ħadmuk ħajtek kollha? Xi trid tpejjep biex tibqa’ kalm meta tara dan kollu? La hemm min qed ipejjep lilna? Jew forsi tilbes maskra avolja m’għadhiex obbligatorja? U nkomplu ma dil-karnivalata? U din il-kriżi, kemm se jdumu jużawha ċerti nies biex jgħollu l-prezzijiet kemm iridu u jsallbu lill-ħaddiem? U fuq kollox, f’min se jemmen il-ħaddiem? Għad hemm xi ħadd li qed jisimgħu? U mbagħad tistaqsi: Imma dan bis-serjeta’? U t-tweġiba tkun: MHUX BIĊ-ĊAJT.

Mhux biċ-Ċajt! Hija waħda mill-finalisti tal-Għanja tal-Poplu 2022 u l-ewwel kanzunetta bil-Malti ta’ Tikka Banda b’kollaborazzjoni ma’ Rita Pace. Il-mużika hija miktuba minn Luke Vella; membru residenti ta’ Tikka Banda u lirika tal-kantawtriċi Rita Pace.

Narawkom fit-30 ta’ Lulju fi Pjazza Teatru Rjal!?